Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fl-Indja varat Proġett
ta’ Assistenza għall- Żvilupp li huwa ffinanzjat mill-fondi tal- Official Development Assistance (ODA) fi ħdan
il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin , Ewropej u Kummerċ ta’ Malta. Dan
il-proġett jiffoka fuq tfal bi bżonnijiet speċjali li jinsabu fil-faqar u li
jgħixu f’ żoni rurali u tribali fl-Istat ta’ Odisha fl-Indja. Dan il-proġett
għandu l-intenzjoni speċifika li jipprovdi servizzi ta’ rijabilitazzjoni lil
dawn it-tfal.
Għalkemm f’ żoni rurali jeżistu servizzi bażiċi ta’
rijabiltazzjoni, ħafna ġenituri ma jistgħux jaffordjaw aċċess regolari minħabba
l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u t-telf ta’ ħin minn fuq lant tax-xogħol li jwassal
għal telfien ta’ salarji kwotidjani. Huwa għalhekk li l-preżenza ta’ tfal bi
bżonnijiet speċjali timpatta lill-familja kollha speċjalment għaliex l-omm, li
tkun trid tieħu ħsieb lil dan il-wild, jitnaqsilha l-potenzjal li taqla’ aktar flus minħabba li jkollha
anqas ħin li tagħmel impieg. Huwa f’ dan il-kuntest li tfal b’ diżabilita’
jiffaċċjaw opportunitajiet ta’ żvilupp u integrazzjoni soċjali minimi.
Dan il-proġett tal-ODA huwa mistenni li jġib ’ il quddiem benfiċċji kbar
lil tfal bi bżonnijiet speċjali li jgħixu fiż-żoni rurali ta’ Odisha f’ termini
ta’ rijablitazzjoni u inklużjoni soċjali permezz tat-twaqqif ta’ workshop
Ortotiku. Dan il-workshop sa jkun qed jipproduċi għajnuniet, appartat u siġġijiet tar-roti modifikati għal tfal bi
bżonnijiet speċjali.
Permezz ta’ dan it-tip ta’ sostenn, dawn it-tfal ikunu
jistgħu jingħataw il-faċilita’ li jkomplu bl-attivitajiet tagħhom b’ mod
indipendenti , u jkunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi tal-Gvern, jattendu
l-iskola u jipparteċipaw fil-ħajja kwotidjana tal-villaġġ tagħhom qrib tfal
tamparhom. Sitta u tletin tifel u tifla b’ impediment fiżiku ġew magħżula b’
mod inizjali, biex jagħmlu parti minn dan il-proġett.
Sabiex tingħata assistenza f’ dan il-proġett, nhar it-23
ta’ Jannar 2023, il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għall-Indja, l-E.T. Reuben
Gauci f’ isem il-Gvern Malti daħal fi ftehim ta’ sena mal-Fondazzjoni SADHANA (Society for Disability and Health Awareness) li hija Organizazzjoni Mhux Governattiva, li
għal dawn l-aħħar ħmistax -il sena ilha toffri interventi ta’ rijabilitazzjoni
ġewwa d-djar tal-persuni b’ diżabilita’
permezz ta’ staff bbażat f’ dawn il-villaġġi. Waħda mill-fundaturi
tal-NGO: SADHANA hija Missjunarja Maltija jisimha, Marcette Buttigieg.
Dan il-proġett huwa mistenni li jseħħ matul is-sena
finanzjarja 2023.