Nhar it-Tlieta 14 ta’
Frar 2023, il-Kummissarju Għoli ta’ Malta fl-Indja, l-E.T. Reuben Gauci żar
ir-raħal Indjan ta’ Majlispur u inawgura Statwa Kommemorattiva tal-Ġiżwita
Malti, Fr Anthony Debono SJ, li waqqaf il-Missjoni qalb it-Tribu tas-Santal
fl-1925 f’ dan ir-raħal fl-Istat ta’ Bengal tal-Punent, fil- Grigal tal-Indja.
Fr Anthony Debono
SJ, kien iben viżjonarju ta’ Malta li
twieled ir-Rabat, Għawdex. Wara li spiċċa l-istudji tiegħu fis-Seminarju t’
Għawdex huwa ingħaqad mal-Ġiżwiti ta’ Palermo fil-15 ta’ Settembru 1904. Huwa
ġie ordnat saċerdot nhar il-25 ta’ Lulju 1920 waqt li ppronunċja il-voti finali
tiegħu fl-1924.
Hekk kif wasal l-Indja
huwa tgħallem il-lingwa tribali tas-Santal. Fil-proċess, huwa studja ukoll
l-użanzi fil-ħajja tat-Tribu Santali. Aktar tard huwa mar fir-raħal ta’
Majlispur u beda jgħix hemmhekk sa mid-9 ta’ Marzu 1925, fejn beda ix-xogħol
pijunier tiegħu.
L-Istatwa ta’ Fr
Anthony Debono SJ ġiet magħmula mis-Soċjeta’ ta’ Ġesu’ ( Ġiżwiti ) tal-Indja.
Matul l-inawgurazzjoni tagħha, din l-Istatwa ġiet imbierka mill-Isqof Emeritu
ta’ Purnea, l-E.T. Angelus Kujur SJ.
Missjunarji Maltin
li ħadmu għal deċenji sħaħ fil-Missjoni tas-Santal: Fr Paul Aquilina SJ, Fr Joseph Gauci Sacco SJ u s-Sa Marcette Buttigieg, kienu preżenti għal din l-okkażjoni.



