L-E.T. Clint Tanti Jippreżenta L-Ittri ta' Kredenzjali bħala Ambaxxatur tar-Repubblika ta' Malta għal-Gran Dukat tal-Lussemburgu
Navigate Up
Sign In

L-E.T. Clint Tanti Jippreżenta L-Ittri ta' Kredenzjali bħala Ambaxxatur tar-Repubblika ta' Malta għal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 24, 2022
 

Fit-23 ta’ Novembru 2022, l-Eċċellenza Tiegħu Clint Tanti ppreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu bħala l-Ambaxxatur tar-Repubblika ta’ Malta għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu lill-Altezza Rjali Tiegħu Henri, Gran Duka tal-Lussemburgu. Iċ-ċerimonja tal-Preżentazzjoni tal-Kredenzjali saret fil-Palazz Dukali fil-Belt tal-Lussemburgu.

 

Wara l-Preżentazzjoni tal-Kredenzjali, l-Ambaxxatur Tanti kellu udjenza privata mal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka, li matulha ż-żewġ naħat enfasizzaw ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u l-Lussemburgu msejsa f’rabtiet ta’ kooperazzjoni u karatteristiċi komuni, bħala tnejn mill-iżgħar Stati Membri tal-UE. Barra minn hekk, kemm l-Ambaxxatur kif ukoll il-Gran Duka ddiskutew modi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

 

Il-preżentazzjoni tal-kredenzjali kienet preċeduta mill-preżentazzjoni tal-Copie d’Usage lill-E.T. Olivier Baldauff, Kap tal-Protokoll fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Lussemburgu. Barra minn hekk, l-Ambaxxatur Tanti kellu wkoll laqgħat mal-Kurunell Robert Kohnen, u s-Sur Yves Arend, l-Aide De Camp u l-Marixxal tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka rispettivament.

 

L-Ambaxxatur Tanti kien akkumpanjat minn martu s-Sinjura Tanti, u s-Sur Omar Agius, Deputat Kap tal-Missjoni u Konslu.