It-58 anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta ċċelebrat fil-Ġermanja
Navigate Up
Sign In

It-58 anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta ċċelebrat fil-Ġermanja

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ott 19, 2022
 

It-58 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta ġie ċċelebrat fil-Ġermanja fi tliet avvenimenti separati. Fis-7 ta’ Settembru, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġermanja, Dr Vanni Xuereb, u żewġu, Charlò Baldacchino, ospitaw lill-konsli onorarji ta’ Malta fil-Ġermanja kif ukoll rappreżentanti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, immexxija miċ-Chairman tagħha Dr Gavin Gulia, u mill-linja tal-ajru Air Malta, għal buffet fir-Residenza tagħhom f’Berlin. L-għada, l-Ambaxxatur Xuereb u s-Sur Baldacchino ospitaw ir-riċeviment tal-“Malta Day” f’lukanda f’Mitte-Berlin. Ir-riċeviment ġie organizzat b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Qabel ir-riċeviment, l-MTA organizzat diversi workshops għall-operaturi tat-turiżmu fir-reġjuni ta’ Berlin-Brandenburg.

 

Fost dawk li attendew għar-riċeviment kienu membri tal-Parlament Federali Ġermaniż, uffiċjali mill-uffiċċju tal-President Federali u mill-Gvern Federali, ambaxxaturi u membri oħra tal-korp diplomatiku, il-President tal-German-Maltese Association”, id-Direttur taċ-Ċentru Malti fl-Università ta’ Bremen, Maltin li bħalissa qed joqogħdu f’Berlin, operaturi tat-turiżmu, u ġurnalisti.

 

Il-mistednin ġew indirizzati mill-Ambaxxatur Xuereb u minn Dr Gulia, fejn dan tal-aħħar għamel diskors f’isem il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo. Peress li kienet għadha kemm tħabbret il-mewt tar-Reġina Eliżabetta II, l-Ambaxxatur Xuereb beda d-diskors billi esprima s-sogħba tiegħu u ta ġieħ, u fakkar kif ir-Reġina Eliżabetta II kienet l-ewwel Kap tal-Stat Malti wara l-indipendenza sakemm Malta saret Repubblika fl-1974. Ġiet osservata minuta ta’ silenzju bħala sinjal ta' rispett.

 

L-Ambaxxatur ipproċeda billi enfasizza r-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u l-Ġermanja li komplew jiffjorixxu tul is-snin, u enfasizza l-importanza tal-għaqda Ewropea, speċjalment fl-ambitu tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna. L-Ambaxxatur Xuereb tkellem ukoll dwar il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Ġermanja fuq diversi livelli, minn kummerċ sa edukazzjoni, kultura u turiżmu fost oħrajn.

 

Riċeviment ieħor sar fil-21 ta’ Settembru f’Heidelberg, Baden-Württemberg. Din kienet ospitata mill-Konslu Onorarju ta’ Malta f’Baden-Württemberg, Dr Rainer Dulger u martu s-Sinjura Christina Dulger. L-Ambaxxatur Xuereb u s-Sur Baldacchino kienu l-mistednin tal-unur. L-Ambaxxatur għamel ukoll indirizz qasir li matulu reġa’ enfasizza r-relazzjonijiet eċċellenti bejn Malta u l-Ġermanja. Huwa rringrazzja wkoll lil Dr Dulger għall-irwol tiegħu bħala Konslu Onorarju u talli għażel lil Malta bħala wieħed mill-pajjiżi li fihom twaqqafet sussidjarja tal-kumpanija tiegħu li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Heidelberg. Fil-fatt, l-għada, l-Ambaxxatur Xuereb u s-Sur Baldacchino kellhom ukoll l-opportunità li jżuru l-Kwartieri Ġenerali u l-impjant tal-ProMinent, id-ditta tal-manifattura mwaqqfa mill-mibki Dr Viktor Dulger fis-sittinijiet u li għandha wkoll sussidjarja f’Malta.




 







 
The Honorary Consul of Malta in Baden.jpeg