L-Ambaxxatur ta’ Malta fuq żjara uffiċjali fi Bremen
Navigate Up
Sign In

L-Ambaxxatur ta’ Malta fuq żjara uffiċjali fi Bremen

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ġun 24, 2022
 
L-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġermanja, Vanni Xuereb, kien fuq żjara uffiċjali fil-Belt-Stat ta’ Bremen fil-31 ta’ Mejju, fejn kellu diversi laqgħat uffiċjali mal-awtoritajiet tal-Istat, rappreżentanti tan-negozju, u fejn anke żar iċ-Ċentru Malti fl-Università ta’ Bremen.

Imwaqqaf fl-2012, b’mod konġunt bejn l-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Bremen, iċ-Ċentru Malti huwa wieħed li jippromwovi il-lingwa u l-kultura Maltija. Aktar minn hekk, dan iċ-ċentru jippromwovi r-riċerka dwar il-lingwa Maltija permezz ta’ metodi u strumenti xjentifiċi. Sal-lum, din hija l-unika organizzazzjoni tat-tip tagħha barra minn xtutna. L-Ambaxxatur Xuereb ġie milqugħ mir-Rettur-elett tal-Università ta’ Bremen, il-Prof. Dr Jutta Günther, u d-Direttur taċ-Ċentru, il-Prof. Dr Thomas Stolz, fejn dawn tal-aħħar ħabbru li ż-żewġ universitajiet kienu għadhom kif iffinalizzaw estensjoni oħra ta’ sentejn tal-programm tagħhom. L-Ambaxxatur esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li qed issir fl-Università sabiex jiġi studjat u promoss l-ilsien Malti. Għaldaqstant, l-Ambaxxatur irringrazzja lil dawk kollha involuti fiċ-Ċentru għall- kontribuzzjoni eċċellenti tagħhom fil-promozzjoni tal-ilsien Malti fuq livell internazzjonali. Lejn tmiem il-laqgħa, ġie maqbul li l-Ambaxxata u ċ-Ċentru jaħdmu aktar mill-qarib bil-għan illi jorganizzaw ukoll avvenimenti konġunti fil-Ġermanja.

Matul iż-żjara tiegħu, l-Ambaxxatur kellu laqgħat separati mas-Sindku ta’ Bremen, Maike Schaefer, li hija wkoll il-Ministru tal-Istat (Senatur) għall-Ħarsien tal-Klima, Ambjent, Mobilità, Żvilupp Urban u Djar, u mal-President tal-Parlament tal-Istat, Frank Imhoff. L-Ambaxxatur Xuereb kellu wkoll laqgħa fil-Kamra tal-Kummerċ ma’ delegazzjoni tal-Kamra mmexxija mill-Viċi President Michael Frieß.

Dawn il-laqgħat servew bħala opportunità biex jiġu diskussi diversi suġġetti li huma ta’ interess kemm għal Malta kif ukoll għal Bremen, speċjalment meta wieħed iqis is-similaritajiet bejn iż-żewġ stati. Kemm Bremen kif ukoll Malta, pereżempju, għandhom industrija marittima b'saħħitha, it-tnejn għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess popolazzjoni u huma kważi identiċi fid-daqs. Dan ifisser li ż-żewg Stati jiffaċċjaw sfidi u opportunitajiet simili u, għalhekk, aktar kooperazzjoni bejniethom tkun ta' benefiċċju reċiproku.

Waqt il-laqgħa mas-Sindku Schaefer, iż-żewġ naħat qablu li, bħala stati żgħar, l-Gvern ghandu il-faċilita' li jkun aktar qrib tan-nies. Id-diskussjonijiet daru wkoll fuq l-isfidi tal-infrastruttura, speċjalment fuq il-kwistjoni tat-traffiku, u kif il-gvernijiet rispettivi qed jindirizzawhom. L-Ambaxxatur spjega l-inizjattivi li ittieħdu mill-Gvern Malti, pereżempju, in-numru ta’ proġetti estensivi li ġew mniegħda biex jittaffa it-traffiku u kif ukoll id-deċiżjoni li t-trasport pubbliku jsir b’xejn għal kulħadd minn Ottubru.

Il-kummerċ kien fiċ-ċentru tad-diskussjoni waqt il-laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ. L-Ambaxxatur spjega kif il-Gvern ta l-għajnuna lis-settur privat u kif ukoll lil imprendituri barranin interessati li jinvestu jew jagħmlu negozju ma’ Malta. Ġie enfasizzat wkoll l-appoġġ vitali mgħoti mill-Gvern lejn is-settur privat matul il-pandemija tal-COVID-19 u aktar riċenti, il-miżuri adottati biex jindirizzaw ż-żieda fir-rata tal-inflazzjoni.
Id-diskussjonijiet komplew fuq l-attività kummerċjali eżistenti bejn iż-żewġ stati, bl-Ambaxxatur jispjega liema setturi Malta kienet l-aktar interessata li tippromwovi f’termini ta’ investiment barrani. Fi tmiem il-laqgħa, ġie maqbul li ghandhom jinzammu mifuħa l-linji ta’ komunikazzjoni bejn il-Kamra tal-Kummerċ u l-Ambaxxata bil-għan li jigi imsaħħaħ il-kummerċ bejn iż-żewġ Stati.
Fil-Parlament tal-Istat, id-diskussjonijiet mal-President daru b’mod predominanti fuq kwistjonijiet relatati mat-Tibdil fil-Klima, il-Gwerra fl-Ukrajna, is-sitwazzjoni politika f’Malta u kif ukoll fi Bremen, u t-turiżmu.

L-Ambaxxatur Xuereb kien akkumpanjat minn Dr Thomas Stocker, Konslu Ġenerali Onorarju ta’ Malta għal Bremen u s-Sassonja t’Isfel, u Mark Anthony Abela, Deputat Kap tal-Missjoni.

 


  ©​ Matej MezaUniversität Bremen

 ©​ Matej MezaUniversität Bremen 

 

​  ©​ Matej MezaUniversität Bremen