L-Ambaxxatriċi Attard-Pirotta ghamlet id-diskors ewlieni fil-Konferenza Internazzjonali tal-2023 tal-Kulleġġ Akkademiku Al-Qasemi nhar it-Tnejn 13 ta’ Marzu 2023, fil-kampus ewlieni tal-Kulleġġ f’Baqa Al-Arabiyya, fit-Tramuntana ta’ Iżrael. Il-konferenza ġabret flimkien xjenzati, riċerkaturi, u studjużi ewlenin mill-Iżrael u lil hinn biex jippreżentaw is-suġġetti varji flimkien mar-riċerka tagħhom. Il-konferenza twaqqfet b'kollaborazzjoni mal-Ministeru Iżraeljan tal-Kooperazzjoni Reġjonali.
Waqt l-indirizz tagħha, l-Ambaxxatriċi Cecilia Attard-Pirotta tkellmet dwar l-elezzjoni riċenti ta’ Malta biex isservi bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għas-snin 2023-2024 u spjegat kif matul il-mandat tagħha, Malta ser tkun impenjata billi tappoġġja b’mod attiv lin-NU fejn tidhol l-Azzjoni favur il-Klima. Barra minn hekk, l-Ambaxxatriċi Attard-Pirotta fakkret kif fl-1988, Malta kienet l-ewwel pajjiż li formalment mexxiet l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima bħala punt tal-aġenda politika waqt it-43 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Delegazzjoni mill-Al-Qasemi, immexxija mill-Prof. Anwar Rayan, President tal-Kulleġġ, għadha kif ġiet lura minn żjara ta’ ħidma f’Malta, fejn ġew diskussi possibbilitajiet ta’ kollaborazzjoni ma’ rappreżentanti mill-Università ta’ Malta. Iż-żewġ Istituzzjonijiet tħadtu dwar eventwalitajiet ta’ kooperazzjoni f’numru ta’ dixxiplini, u kooperazzjoni permezz tal-programm Erasmus.


