Dibattitu fl-Università ta’ Malta dwar il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’kontribut għall-Proġett tal-Viżibbiltà tal-Kunsill tal-Ewropa
Navigate Up
Sign In

Dibattitu fl-Università ta’ Malta dwar il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’kontribut għall-Proġett tal-Viżibbiltà tal-Kunsill tal-Ewropa

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Nov 07, 2022
 

Nhar it-Tnejn 7 ta’ Novembru 2022, fuq inizjattiva tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ flimkien mal-Istitut għall-Istudji Ewropej u d-Dipartiment tal-Liġi Ewropea u Komparattiva fi ħdan l-Fakulta tal-Liġi ta’ l-Università ta’ Malta żamm dibattitu dwar 'Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem: l-Applikazzjoni tagħha, Suċċessi, Sfidi u Opportunitajiet', bl-appoġġ tal-Għaqda Studenti tal-Liġi (GħSL), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istudenti tal-Liġi (ELSA) u l-Organizzazzjoni tal-Istudji Ewropej (ESO).

 

Fid-diskorsi introduttorji tagħhom, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, l-E.T. Lorenzo Vella, u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, l-E.T. Bjørn Berge, enfasizzaw l-irwol importanti tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari s-sinifikat tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB). L-Ambaxxatur Lorenzo Vella tkellem ukoll dwar il-Presidenza ta’ Malta tal-Kumitat tal-Ministri f’Mejju 2025 u l-kontribuzzjoni finanzjarja volontarja ta’ €20,000 li se ssir minn Malta din is-sena lill-Qorti ta’ Strasburgu biex tindirizza l-backlog tal-kawżi.

 

Bosta esperti ta' profil għoli kkontribwew għad-dibattitu f'żewġ panels, fosthom il-Prim Imħallef Emeritus Dr Vincent A. De Gaetano (eks Imħallef u President tas-Sezzjoni tal-QEDB), l-Onor. Sinjura Imħallef Consuelo Scerri Herrera (Imħallef tal-Qrati Superjuri ta’ Malta), l-Onor. Sur Imħallef Francesco Depasquale (Imħallef tal-Qrati Superjuri ta’ Malta), l-Onor. Sinjura Imħallef Lorraine Schembri Orland (Imħallef tal-QEDB), Dr Chrisopher Soler (Avukat tal-Istat ta’ Malta u Aġent tal-Gvern għall-QEDB), is-Sinjura Claire Ovey (Kap tad-Dipartiment tal-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi tal-QEDB fil-Kunsill tal-Ewropa), kif ukoll Dr Francesca Camilleri Vettiger (Deputat Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa). L-ewwel panel iffoka fuq l-impatt tal-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa u f’Malta matul is-snin u t-tieni panel iffoka fuq l-isfidi u l-opportunitajiet attwali u futuri għall-effettività u l-integrità tas-sistema tal-Konvenzjoni.

 

Dan l-avveniment immarka t-72 anniversarju mill-adozzjoni tal-KEDB u ġie organizzat b’kontribut għall-proġett ta’ viżibbiltà tal-Kunsill tal-Ewropa li qed jitmexxa mid-Deputat Segretarju Ġenerali.

 

Fil-marġini ta’ dan l-avveniment, l-Onor. Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Dr Ian Borg, u kif ukoll l-Onor. Ministru għall-Ġustizzja, Dr Jonathan Attard, laqgħu lid-Deputat Segretarju Ġenerali Berge għal laqgħa bilaterali. L-Ambaxxatur Lorenzo Vella akkumpanja lill-Onor. Ministri fiż-żewġ laqgħat bilaterali li ffukaw fuq it-tħejjijiet għall-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri, ir-rwol importanti li għandha Malta fi ħdan l-istrutturi tal-Kunsill tal-Ewropa u l-progress sinifikanti li rreġistrat fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt wara l-bosta riformi li saru f’dawn l-aħħar snin.​


P0.jpg 
P1.jpg
P2.jpg
​​P3.jpg
P4.jpg