L-2022 hija s-sena li matulha Malta qed tikkommemora l-50 anniversarju
mill-bidu tar-relazzjonijiet diplomatiċi maċ-Ċina. Qal dan il-Ministru
għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt attività mtella’
mill-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina flimkien mal-Ambaxxatur Ċiniż
għal Malta Yu Dunhai.
Il-Ministru Ian Borg spjega kif matul dawn l-aħħar ħames deċennji, iż-żewġ
pajjiżi ffirmaw aktar minn 60 ftehim li jħarsu lejn setturi differenti. “Dan
juri id-dinamiżmu, il-koperazzjoni u r-rispett reċiproku li jeżisti bejn
iż-żewġ pajjiżi u li jservi ta’ eżempju għall-fatt li d-daqs u d-distanza
ġeografika ma jservux ta’ xkiel”, qal il-Ministru Borg. Kompla jingħad kif
ir-rispett u l-fiduċja li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi huma b’saħħithom u ta’
bażi soda sabiex ikomplu jiżdiedu l-koperazzjoni politika, ekonomika u
kulturali bejn it-tnejn. Malta dejjem uriet sodisfazzjon li kienet magħżula
sabiex tospita l-ewwel Ċentru Kulturali Ċiniż fil-Belt Valletta. Il-Ministru
Ian Borg temm jgħid li huwa jħares ’il quddiem biex fis-snin li ġejjin iż-żewġ
pajjiżi jkomplu jibnu fuq din ir-relazzjoni tant tajba li permezz tagħha
jibbenefikaw iċ-ċittadini taż-żewġ pajjiżi.
Għal din l-okkażjoni l-Ministru Ian Borg u l-Ambaxxatur Ċiniż Yu Dunhai
fil-preżenza tas-Sindku ta’ Santa Luċija Charmaine St. John u l-President
tal-Għaqda ta’ ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina Reno Calleja, kixfu plakka
kommemorattiva fi Ġnien is-Serenità sabiex tfakkar dan it-tragward. Preżenti
għal din l-attività kien hemm ukoll il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.


