Fid-dawl tal-ħatra li Malta kisbet fid-9 ta’ Ġunju 2022
biex isservi għal terminu ta’ sentejn, bejn l-2023 u l-2024, fil-Kunsill
tas-Sigurtá tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u
Ewropej u l-Kummerċ qiegħed joħroġ sejħa għall-artisti sabiex jipproponu abbozz
ta’ arti li jikkommemora din il-kisba storika fl-istorja tal-politika barranija
ta’ Malta.
Il-Ministeru
għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ jemmen li permezz tal-arti, din
il-kisba tista’ sservi sabiex pajjiżna jkompli jibni r-relazzjonijiet
diplomatiċi tagħna u b’hekk inkomplu nsemmgħu leħinna għall-bżonn tas-saltna
tal-paċi bejn ir-reġjuni kollha.
L-abbozz għandu
jirrifletti t-tliet pilastri li Malta mexxiet ˈil quddiem fil-kandidatura
tagħha sabiex tkun eletta f’dan il-Kunsill; Is-Sigurtà, Is-Sostenibbiltà u
s-Solidarjetà. Wara li l-appikanti jkunu daħlu l-abbozz tagħhom, kumitat
indipendenti se jkun qiegħed jagħmel l-għażliet tiegħu biex imbagħad l-abbozz
rebbieħ ikun jista’ jiġi trasformat f’opra ta’ arti kompleta.
L-opra ta’ arti
magħżula hi maħsuba li se tkun qed tiġi esebita f’bosta bliet barranin fejn
hemm ambaxxati tal-Gvern Malti, fosthom fi New York, Brasilia, Beijing, Addis
Ababa, Sydney u Ġinevra.
Is-sottomissjonijiet
ta’ abbozzi għal din is-sejħa għandhom isiru kollha sa mhux aktar tard
min-nofsinhar ta’ nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru 2022. Anness ma’ din
l-istqarrija tinstab ukoll is-sejħa u l-applikazzjoni għal kull min hu
interessat.
MFET Call for Artists - UNSC Objet d'Art
Application Form - Call for Artists UNSC Objet d'Art
Appendix A - Call for Artists UNSC Objet d'Art