Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Ateni għal taħditiet diplomatiċi sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni
Navigate Up
Sign In

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Ateni għal taħditiet diplomatiċi sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Mej 27, 2022
 

Waqt żjara fil-kapitali Griega Ateni, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarrijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, is-Sur Christopher Cutajar, iltaqa’ mal-E.T. Themistoklis Demiris, is-Segretarju Ġenerali fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Greċja. Matul dan il-laqgħa ġew diskussi r-relazzjonijiet bilaterali u modi sabiex dawn ikomplu jissaħħu. Ġew diskussi ukoll kwistjonijiet reġjonali bħal m’huma l-Gwerra fl-Ukrajna, il-Libja, u l-Balkani tal-Punent, kif ukoll il-koperazzjoni fil-fora multilaterali. Iż-żewħ pajjiżi għandhom pożizzjoni komuni fuq diversi kwistjonijiet bħal m’hi l-immigrazzjoni, hekk kif it-tnejn jiffurmaw parti mill-grupp tal-Mediterran fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ naħat qablu li l-Mediterran ma jistax jiġi injorat, iżda għandu jkun ta’ prijorita’. L-istabilita’ u s-sigurta’ fir-reġjun hija kruċjali għall-Ewropa stabbli, speċjalment fid-dawl tal-isfidi relatati mas-sigurta’ tal-ikel u tal-enerġija.

 

Wara din il-laqgħa estensiva, is-Sur Cutajar żar l-Ambaxxata Maltija f’Atenifejn iltaqa’ mal-uffiċjali Maltin ibbażati ġewwa l-kapitali Griega, inkluż l-Ambaxxatur Malti għall-Greċja, E.T. Joseph Cuschieri.  L-affarijiet marittimi kienu ukoll diskussi mal-uffiċjali mill-Uffiċċju tar-Reġistru Malti tal-Vapuri.

 

Iż-żjara ntemmet permezz ta’ lecture fl-Universita’ ta’ Piraeus, fejn is-Sur Cutajar indirizza lill-istudenti tad-Dipartiment tal-Istudju Internazzjonali u Ewropej. Il-lecture trattat it-tema tar-relevanza tan-newtralita’ fi żminijiet ta’ polarizzazzjoni u gwerra. Dan kien suġġett li qanqal lill-istudenti preżenti sabiex jkunu jafu aktar dwar il-pożizzjoni partikolari ta’ Malta fl-istrutturi Ewropej. Is-Sur Cutajar innota kif filwaqt li n-newtralita’ hi suġġett ta’ dibattitu fl-Ewropa, din hija aktar relevanti minn qatt qabel. Hu sostna li n-newtralita hija mod attiv ta’ kif tfittex il-paċi fuq l-użu tal-forza, u li-permezz tan-newtralita’ attiva tagħha, Malta tkompli tadvoka għall-paċi u d-djalogu.