Tim ta’ 32 uffiċjal u kelb mid-Dipartiment
tal-Protezzjoni Ċivili ħalla pajjiżna biex jagħti għajnuna diretta lill-poplu
tat-Turkija, wara t-terremot li laqat lil dan il-pajjiż. L-uffiċjali Maltin se
jkunu qed jgħinu fit-tfittxija għan-nies maqbuda taħt it-tifrik u terrapien
tal-bini mġarraf. Fil-fatt dawn se jkunu qed jassistu fl-operazzjonijiet li
għaddejjin bħalissa magħrufa bħala MUSAR (Medium Urban Search and Rescue) u
HUSAR (Heavy Urban Search and Rescue).
Din l-għajnuna se tingħata hekk kif kull meta jseħħ xi
diżastru naturali f'xi pajjiż ieħor, li jimpatta direttament lin-nies ta’ dak
il-pajjiż, il-Protezzjoni Ċivili dejjem tara kif tista’ tassisti f’għajnuna
umanitarja, permezz tal-mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea tal-Protezzjoni Ċivili.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u
Ewropej u l-Kummerċ se jkun qiegħed jassisti permezz ta’ għajnuna finanzjarja
mill-Fond ta’ Żvilupp sabiex ikopri għajnuna umanitarja.
Komunikat diplomatiku għadu għaddej bejn iż-żewġ pajjiżi,
biex Malta tkun tista’ tassisti aktar f’dawn il-mumenti diffiċli.
Fi żmien qasir ħafna kienet koordinata ħidma intensiva
mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, it-Tnejn l-istess tim ta’ uffiċjali
telqu minn Malta permezz ta’ titjira diretta lejn it-Turkija. Ftit qabel ħallew
pajjiżna, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg
u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron
Camilleri sellmu lil dawn l-uffiċjali. Huma rringrazzjawhom tal-għajnuna li se
jkunu qed jagħtu f’isem Malta biex isalvaw il-ħajjiet, anke jekk b’riskju
għalihom infushom.



