Waqt żjara
uffiċjali mis-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin, il-Commonwealth u
l-Iżvilupp tar-Renju Unit, James Cleverly, f’pajjiżna, flimkien mal-Ministru
għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, iffirma ftehim ta’
kooperazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Waqt laqgħa
bilaterali u konferenza tal-aħbarijiet fil-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt
Valletta, il-Ministru Ian Borg qal li dan il-ftehim huwa frott ħidma li saret
fl-aħħar xhur u snin minn bosta diplomatiċi sabiex iż-żewġ popli jgawdu minn
relazzjonijiet bilaterali aktar b’saħħithom f’numru ta’ setturi strateġiċi.
Il-Ministru
Borg spjega li dan il-ftehim huwa xhieda tar-relazzjonijiet b’saħħithom li diġà
jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi u li se jkomplu jissaħħu. “Dan il-ftehim storiku
jiffoka fuq il-politika barranija, is-sigurtà, id-difiża, l-amministrazzjoni
pubblika, is-saltna tad-dritt, il-kummerċ, l-investiment, ir-riċerka u
l-innovazzjoni, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà,
l-edukazzjoni, is-saħħa u l-kultura. Inħares ’il quddiem għall-implimentazzjoni
ta’ dan il-ftehim u l-benefiċċji li se jġib miegħu”, żied jgħid il-ministru
għall-affarijiet barranin.
Il-Ministru
Borg spjega li matul il-laqgħa ġie diskuss ukoll is-suġġett tal-Kunsill
tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda hekk kif iż-żewġ pajjiżi bħalissa qegħdin
iservu fuq dan il-kunsill importanti. Intqal li l-kooperazzjoni, anke fuq
livell multilaterali, se tkun qed tkompli żżid l-impenn taż-żewġ pajjiżi biex
jikkontribwixxu għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali. Matul dawn
it-taħditiet kienu diskussi wkoll il-Commonwealth u t-triq ’il quddiem ta’ dan
il-forum importanti.
Min-naħa tiegħu,
is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin James Cleverly qal li r-Renju
Unit għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni ma’ Malta u ż-żjara tiegħu
f’pajjiżna hija sinifikat tagħna. Huwa kompla jgħid li l-ftehim tal-lum huwa
biss il-bidu tat-triq ta’ aktar xogħol u ħidma bejn iż-żewġ pajjiżi. Cleverly
qal li jħares ’il quddiem biex anke jaħdem ma’ Malta fejn jidħlu kwistjonijiet
ta’ paċi u sigurtà anke għall-fatt li pajjiżna dejjem kien aġent tal-paċi.



