Malta hija kommessa li tibqa’ tkun strumentali għal kontribuzzjoni ta’ għajnuna umanitarja bħala parti mill-appoġġ Ewropew, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza l-ftuħ tal-European Humanitarian Forum fi Brussell.
Il-Ministru Ian Borg fakkar li l-bżonn ta’ aktar għajnuna umanitarja qed dejjem jiżdied, b’mod partikolari minħabba sitwazzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima u anke l-gwerer u l-kunflitti li jeżistu madwarna, b’mod partikolari dak fl-Ukrajna. Il-Ministru Borg hawnhekk faħħar l-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-istati membri li dejjem kienu solidali.
Huwa żied jgħid li l-aġenda ta’ dan il-forum hija sinjal ċar tad-direzzjoni li trid tkompli tittieħed. Malta, anke bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, għandha l-għan li tkompli timbotta għal azzjoni internazzjonali, b’mod partikolari fl-għajnuna bejn l-istati minħabba t-tibdil fil-klima. Il-Ministru Borg kompla jgħid li anke fuq livell lokali, Malta hija determinata li tkompli tagħti l-appoġġ neċessarju kollu madwar id-dinja u sa issa diġà allokat madwar €1 miljun.