“Malta temmen
li l-multilateraliżmu huwa kruċjali. Nemmnu li l-kooperazzjoni bejn
in-Nazzjonijiet Magħquda u l-Unjoni Ewropea hija waħda integrali u hemm bżonn
li tkompli tissaħħaħ.” Sostna dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u
Ewropej u Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza laqgħa tal-Kunsill
tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-kooperazzjoni tan-Nazzjonijiet
Magħquda u organizzazzjonijiet reġjonali u sub-reġjonali (UN-EU).
Fid-diskors
tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal li l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti u
l-valuri tal-Unjoni Ewropea huma komplementari u b’hekk għandhom ikomplu
jissaħħu. Huwa fakkar kif il-bidu tal-Unjoni Ewropea wara t-Tieni Gwerra
Dinjija huwa eżempju ċar ta’ kif il-multilateraliżmu u l-integrazzjoni
reġjonali ġabu magħhom paċi, stabilità, prosperità u tkabbir.
IanBorg
tkellem dwar kif ir-relazzjoni bejn l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti għandha tkompli
tiġi msaħħa b’mod partikolari fl-oqsma tad-drittijiet umani, is-saltna
tad-dritt u l-proċessi ta’ soluzzjonijiet paċifiċi għat-tilwim. Huwa kompla
jgħid li aktar minn qatt qabel, f’dan iż-żmien li qed ngħixu, hija
r-responsabbiltà tal-UE u n-Nazzjonijiet Uniti biex fejn huwa possibbli
l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali jingħaqdu flimkien sabiex
jipprovdu aktar konverġenza u kollaborazzjoni. Saħansitra hemm bżonn li kemm
l-UE u anke n-Nazzjonijiet Magħquda jkollhom aktar diskussjonijiet u
kollaborazzjoni trilaterali, primarjament mal-Unjoni Afrikana biex ikunu
indirizzati sfidi ta’ sigurtà.
Il-Ministru
Borg, bħala President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, temm
l-intervent tiegħu billi qal kif Malta hija kommessa biex il-paċi, id-djalogu u
l-multilateraliżmu jkomplu jissaħħu biex fejn huwa possibbli jkunu evitati jew
jiġu solvuti kunflitti.

.