Malta tkompli tadvoka l-inizjattiva ‘Island for Islands’
Navigate Up
Sign In

Malta tkompli tadvoka l-inizjattiva ‘Island for Islands’

Numru ta' Referenza: PR230395, Data ta' l-Istqarrija : Mar 16, 2023
 

Waqt li kien qed jattendi għal-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Commonwealth f’Londra, ir-Renju Unit, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kompla jwassal il-messaġġ li tkompli tkun sostnuta l-inizjattiva ‘Island for Islands’.

 

Il-Ministru Borg spjega kif Malta, anke permezz tal-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, kompliet tadvoka dwar il-bżonn ta’ aktar inizjattivi għall-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw minħabba l-impatt ekonomiku u soċjali fost oħrajn tat-tibdil fil-klima. Huwa kompla jgħid kif l-inizjattiva li bdiet Malta tal-‘Island for Islands’ se tibqa’ tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-politika barranija ta’ pajjiżna.

 

Matul din il-laqgħa, il-Ministru Borg intervjena wkoll dwar il-bżonn ta’ soċjetà li tkun aktar reżiljenti għall-paċi u dak li huwa ġust. Huwa faħħar l-impenn li qed tieħu l-Commonwealth sabiex tassisti numru ta’ stati biex ikollhom demokrazija b’saħħitha u fakkar kif Malta permezz tal-Vot16 rat kif tkompli tespandi l-opportunità li aktar nies isemmu leħinhom fis-soċjetà. Huwa qal ukoll li anke fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda Malta imbuttat ħafna wkoll l-importanza tal-irwol attiv tan-nisa fis-soċjetà.

 

Il-Ministru pparteċipa wkoll fit-62 laqgħa tal-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth wara li Malta ġiet magħżula biex tkun parti f’dan il-Grupp ta’ Azzjoni fl-aħħar CHOGM li sar ġewwa r-Rwanda.

 

Fil-marġini ta’ dawn il-laqgħat, il-Ministru Borg kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tar-Renju Unit għall-Ewropa Leo Docherty. Ġiet diskussa l-implimentazzjoni tal-ftehim li kien iffirmat ftit ġimgħat ilu mas-Segretarju għall-Affarijiet Barranin James Cleverly f'Malta u anke l-ftehim ta’ bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.


Minister Ian Borg attends the Commonwealth Foreign Affairs Ministers meeting in London

Minister Borg with Minister of State of the United Kingdom for Europe Leo Docherty

Malta continues to advocate the 'Island for Islands' initiative