“Malta kienet,
għadha u se tibqa’ tippromwovi l-paċi biex kemm jista’ jkun malajr naraw li
jintemm il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna”, saħaq il-Ministru
għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt laqgħa bilaterali
mal-Ministru Federali għall-Unjoni Ewropea u l-Kostituzzjoni tar-Repubblika
tal-Awstrija, Karoline Edtstadler.
Matul
il-laqgħa kienu diskussi bosta suġġetti ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg tkellem rigward l-aħħar żviluppi
fil-kunflitt tal-Ukrajna u spjega li Malta temmen li hemm bżonn ta’ aktar
żviluppi diplomatiċi milli sforzi militari. Għal darb’oħra, reġa’ esprima
s-solidarjetà ta’ Malta mal-Ukrajna u qal li pajjiżna se jkun qed ikompli
jadotta s-sanzjonijiet maqbula fuq livell ta’ Unjoni Ewropea.
Dr Borg
tkellem ukoll dwar is-suġġett tal-migrazzjoni mal-Ministru Edstadler. Huwa
tenna li Malta se tkun qed tibqa’ tmexxi ’l quddiem il-pożizzjoni tagħha u
talab lill-Awstrija biex anke fuq fora internazzjonali jkunu solidali ma’
pajjiżna u jappoġġaw mekkaniżmi differenti ta’ rilokazzjoni.
Il-Ministru
Borg tkellem ukoll dwar il-kandidatura ta’ Malta għal siġġu mhux permanenti
fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda li se tkun qed tiffoka fuq
tliet temi prinċipali: is-Sigurtà, is-Sostenibbiltà u s-Solidarjetà.
Il-Ministru
Karoline Edtstadler sostniet li huwa ta’ pjaċir għaliha li ttemm it-‘Tour de
Capital’ tagħha f’pajjiżna b’din iż-żjara uffiċjali. Hija awgurat kull suċċess
lill-Ministru Borg fil-kariga l-ġdida tiegħu u saħqet li Malta u l-Awstrija
għandhom ħafna in komuni u b’hekk temmen li hemm lok biex iż-żewġ pajjiżi
jintensifikaw il-ħidma bilaterali tagħhom flimkien f’bosta oqsma.
Saħqet li
Malta u l-Awstrija lkoll iħaddnu l-prinċipju tan-newtralità fil-kostituzzjoni
tagħhom u se jaraw li jkomplu jaħdmu favur aktar kollaborazzjoni u tisħiħ ta’
dan il-prinċipju, aktar minn qatt qabel. Il-Ministru Borg u l-Ministru Edstadler
qablu li għandu jkun hemm aktar inizjattivi sabiex in-newtralità tal-pajjiżi
tkompli tissaħħaħ.



