Fil-marġini
ta’ numru ta’ laqgħat li qed isiru f’Londra għall-Commonwealth Days 2023,
il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg ospita
laqgħa għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ Stati Gżejjer Żgħar li qed
jiżviluppaw (SIDS). Għal din il-laqgħa attendew ukoll, f’isem is-Servizz
Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS), id-Direttur Belen Carbonell Martinez kif
ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, Patricia Scotland.
Waqt din
il-laqgħa l-Ministru Borg tkellem dwar kif l-istati gżejjer żgħar huma fost
l-ewwel li qed iħossu r- riperkussjonijiet tat-tibdil fil-klima, b’mod
partikolari f’ċertu żoni ġeografiċi minħabba l-livell tal-baħar. Huwa kompla
jgħid kif b’din il-laqgħa Malta, bħala membru tal-Commonwealth u anke
tal-Unjoni Ewropea, tixtieq tkattar aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet
biex jaħdmu aktar id f’id ħalli l-miri ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs)
jintlaħqu.
Il-Ministru
Ian Borg ħa l-okkażjoni wkoll biex jispjega l-inizjattiva nazzjonali “Island
for Islands” li hija mmirata lejn aktar kollaborazzjoni ma’ gżejjer stati żgħar
biex Malta tkun tista’ tgħin u taqsam l-esperjenzi tagħha ma’ pajjiżi oħra.
Għal din
il-laqgħa organizzata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u
Kummerċ attendew il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Bahamas, ir-Repubblika
Dominicana, il-Ġamajka, Mauritius u Nauru. Filwaqt li għal Saint Kitts u Nevis
attenda l-Ministru tal-Enerġija u għall-Grenada, Antigua and Barbuda u Fiji
attendew il-Kummissarji Għoljin tagħhom ġewwa r-Renju Unit.


