“Malta
tixtieq li tkompli ttejjeb ir-relazzjoni bilaterali tagħha mal-Brażil. Kien
għalhekk li għażilna li niftħu l-ewwel ambaxxata tagħna fl-Amerika Latina
propju f’dan il-pajjiż.” Kien dan il-messaġġ tal-Ministru għall-Affarijiet
Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt numru ta’ laqgħat uffiċjali li
kellu ma’ numru ta’ Ministri tal-Brażil.
Il-Ministru
Borg kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-Ministru tal-Ekonomija Paulo Guedes,
il-Ministru tat-Turiżmu Carlos Brito u l-Aġent Ministru għall-Affarijiet
Barranin Paulino Franco De Carvalho Neto.
Fiż-żjara
uffiċjali li qed issir fil-Brażil, il-Ministru Ian Borg spjega li din
id-deċiżjoni starateġika hija waħda importanti ferm u li għandha tkompli tibni
fuq il-kooperazzjoni li teżisiti fuq bosta oqsma, fosthom anke dik tal-kummerċ.
Waqt
il-laqgħa mal-Ministru tal-Ekonomija, Ian Borg qal kif Malta hija miftuħa
sabiex tospita kumpaniji internazzjonali li jixtiequ jimirħu fin-negozju
tagħhom anke fid-dawl tal-qgħada ġeografika li għandu pajjiżna bħala pont bejn
l-Ewropa u l-Afrika. Id-diskussjoni ukoll ħarset lejn il-possibilità li
fiż-żmien illi ġej ikunu ffirmati numru ta’ ftehimiet li permezz tagħhom se
jkunu qed igawdu ż-żewġ popli.
Min-naħa
tiegħu l-Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Brażil qal li huwa ta’
privileġġ u unur li Malta għażlet lill-Brażil bħala l-ewwel pajjiż fejn se
jkollu rappreżentanza fl-Amerika Latina. Huwa kompla jgħid li jħares ‘il
quddiem sabiex Malta tkun sieħeb strateġiku importanti fil-Mediterran.
Il-Ministru
għall-Affarijiet Barranin Ian Borg sostna li jekk matul il-ġimgħa li ġejja
pajjiżna jingħata l-fiduċja sabiex iservi fuq il-Kunsill tas-Sigurtà
tan-Nazzjonijiet Uniti, se jkun ta’ unur li pajjiżna jkun jista’ jservi f’din
il-fora tant importanti mal-Brażil matul l-2023 u b’hekk ikun anke jista’
jikkopera fuq materji importanti fejn tidħol il-paċi u s-sigurtà
internazzjonali.
Waqt
id-diskussjoni li saret mal-Ministru tat-Turiżmu, ġie maqbul kif fil-jiem li
ġejjin se jkun qed jiġi ffirmat ftehim importanti li permezz tiegħu se tkun qed
tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni li teżisti fl-oqsma tat-turiżmu, b’mod
partikolari anke fid-dawl li ħafna studenti Brażiljani jagħżlu lil pajjiżna
sabiex jistudjaw il-lingwa Ingliża.
Waqt din
iż-żjara fil-Brażil, il-Ministru Ian Borg qiegħed ikun akkumpanjat
mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u
l-Kummerċ, is-Sur Christopher Cutajar.