“Malta temmen li t-triq ’il quddiem fl-aggressjoni Russa
fuq l-Ukrajna hija riżoluzzjoni għall-paċi bbażata fuq il-liġijiet
internazzjonali u l-prinċipji bażiċi tan-Nazzjonijiet Magħquda.” Sostna dan
il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li
kien qed jindirizza Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet
Magħquda fi New York l-Istati Uniti.
Fid-diskors tiegħu għal din ir-reżoluzzjoni mressqa
b’urġenza, il-Ministru Ian Borg tenna kif, bħala pajjiż, Malta tinsab
ikkonċernata ferm b’dak li qed jiġri fl-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa anke
għall-fatt li dan imur kontra l-prinċipji bażiċi tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Huwa kompla jgħid kif l-azzjonijiet tar-Russja li jmorru kontra l-liġijiet
internazzjonali għandhom jiġu kkundannati bla ebda riserva.
Il-Ministru Borg fakkar kif kull min qiegħed jagħmel dawn
l-atti li jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem għandu jinżamm kontabbli.
Malta se tibqa’ titlob flimkien mal-komunità
internazzjonali biex il-Federazzjoni Russa tirtira l-forzi tagħha
mit-territorju Ukren u tinstab soluzzjoni paċifika bbażata fuq il-liġijiet
internazzjonali u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-Ministru Ian Borg
ikkonkluda kif Malta qed tagħti l-appoġġ tagħha għar-reżoluzzjoni 11/5 li tippromovi
r-rimedju għall-aggressjoni kontra l-Ukrajna u ħeġġet lil aktar pajjiżi sabiex
jagħmlu dan.

