Il-Ministru Ian Borg jattendi għall-Jum tal-Commonwealth fir-Renju Unit
Navigate Up
Sign In

Il-Ministru Ian Borg jattendi għall-Jum tal-Commonwealth fir-Renju Unit

Numru ta' Referenza: PR230385, Data ta' l-Istqarrija : Mar 14, 2023
 

Matul il-jum tat-Tnejn 13 ta’ Marzu 2023, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg attenda għall-kommemorazzjoni tal-Jum tal-Commonwealth li qed jiġi ċċelebrat f’Londra, fir-Renju Unit. Il-Ministru Ian Borg kien mistieden mill-Familja Rjali sabiex jattendi għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet f’isem il-Gvern Malti. Il-Jum tal-Commonwealth ta’ din is-sena qiegħed ifakkar l-10 anniversarju minn meta r-Reġina Eliżabetta II kienet iffirmat il-Commonwealth Charter lura fl-2013.

 

Il-Ministru Borg kien preżenti għaċ-ċerimonja tat-tlugħ tal-bnadar tal-Commonwealth fil-Palazz ta’ Westminster, fejn b’mod simboliku ttellgħet ukoll il-bandiera ta’ Malta bħala waħda mis-56 stat li jagħmlu parti mill-grupp tal-Commonwealth. Aktar tard, flimkien mal-Kummissarju Għoli Malti Emmanuel Mallia, ipparteċipa f’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fil-Commonwealth Memorial Gates.

 

Flimkien ma’ numru ta’ Ministri għall-Affarijiet Barranin oħra, il-Ministru Ian Borg attenda wkoll għall-avveniment tal-Commonwealth Day Service f’Westminster Abbey u anke attività fil-Palazz ta’ Buckingham.

 

Il-Ministru Borg tenna kif Malta hija impenjata li tkompli tkun stat attiv fil-Commonwealth, u jħares ’il quddiem għal-laqgħat importanti li hemm skedati fil-jiem li ġejjin relatati mat-tema ta’ din is-sena, ta’ futur ta’ paċi u sostenibbiltà.


Commemorating the 10th anniversary of the Commonwealth Day

Minister Ian Borg participates in a wreath laying ceremony at the Commonwealth Memorial Gates

Minister Ian Borg attends Commonwealth Day in the United Kingdom