Il-Ministru Ian Borg b’numru ta’ laqgħat bilaterali fi New York
Navigate Up
Sign In

Il-Ministru Ian Borg b’numru ta’ laqgħat bilaterali fi New York

Numru ta' Referenza: PR230250, Data ta' l-Istqarrija : Fra 16, 2023
 

Fil-marġini tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu numru ta’ laqgħat bilaterali, bl-aġenda tal-presidenza tkun il-prijorità ewlenija għal dawn il-laqgħat.

 

Matul il-jum tat-Tlieta 14 ta’ Frar 2023, il-Ministru Borg kellu laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, António Guterres. Matul din il-laqgħa, is-segretarju ġenerali rringrazzja lil pajjiżna għall-fatt li mexxa ’l quddiem għad-diskussjoni numru ta’ suġġetti importanti li hemm bżonn ikunu indirizzati fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja, fosthom it-tibdil fil-klima u anke l-invażjoni tal-Federazzjoni Russa fuq l-Ukrajna. Flimkien ma’ Guterres, il-Ministru Ian Borg tkellem ukoll dwar l-aħħar żviluppi fil-Libja.

 

Laqgħa oħra li saret matul il-jum tat-Tlieta kienet mal-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Csaba Kőrösi. Matul din il-laqgħa ġew diskussi t-temi u l-laqgħat li huma pjanati li Malta se tkun qed tmexxi ’l quddiem bħala President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda matul ix-xahar ta’ Frar. Il-Ministru Borg u l-President Kőrösi qasmu l-ideat tagħhom biex jaraw li l-ħidma tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kunsill tas-Sigurtà jikkumplimentaw kemm jista’ jkun lil xulxin matul dan iż-żmien importanti.

 

Il-Ministru Ian Borg iltaqa’ wkoll mal-Kap tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda kontra t-terroriżmu, Vladimir Voronkov. Matul din il-laqgħa kien diskuss l-irwol ta’ pajjiżna bħala membru u anke president tal-kunsill tas-sigurtà sabiex ikun hemm kollaborazzjoni effettiva fix-xogħol li jsir ma’ dan l-uffiċċju. Il-Ministru Borg speċifika li hemm bżonn li jkun hemm aktar xogħol sabiex tkun indirizzata l-problema tat-terroriżmu mill-għeruq tagħha. Huwa kompla jgħid li Malta temmen li permezz tal-litteriżmu jistgħu jkunu indirizzati numru ta’ problemi ta’ radikalizzazzjoni.


Minister Borg with Head of the United Nations Office of Counterterrorism Vladimir Voronkov
Minister Borg with the President of the General Assembly of the United Nations, Csaba Kőrösi
Minister Borg with the Secretary General of the United Nations António Guterres