Il-Ministru Borg jipparteċipa fil-Konferenza tas-Sigurtà ta’ Munich
Navigate Up
Sign In

Il-Ministru Borg jipparteċipa fil-Konferenza tas-Sigurtà ta’ Munich

Numru ta' Referenza: PR230264, Data ta' l-Istqarrija : Fra 19, 2023
 

Matul tmiem din il-ġimgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg qiegħed jipparteċipa fil-Konferenza tas-Sigurtà ta’ Munich fejn bosta mexxejja Ewropej qed jattendu sabiex jiddiskutu l-aħħar żviluppi dwar is-sigurtà u l-paċi internazzjonali. Huwa għalhekk, li bħala wieħed mill-pajjiżi tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, Malta għandha rwol importanti.


Fil-marġini ta’ din il-konferenza, il-Ministru Ian Borg kellu bosta laqgħat bilaterali bil-għan li pajjiżna jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu.

 

Il-Ministru Borg beda b’laqgħa mas-Segretarju Internazzjonali tal-Filippini Enrique A. Manalo fejn ġiet diskussa l-kollaborazzjoni, b’mod partikolari fis-settur marittimu, fid-dawl li ż-żewġ pajjiżi għandhom industrija marittima b’saħħitha. Dr Borg iltaqa’ wkoll mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Qatar ix-Sheikh Mohammed bin Abdulrahman Al-Thani u anke l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija l-Prinċep Faisal bin Farhan Al-Saud, fejn ġew diskussi t-tkomplija tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet b’saħħithom li nħolqu fl-aħħar żminijiet, bil-għan li ż-żewġ popli jkunu jistgħu jibbenefikaw.

 

Fid-dawl tal-elezzjonijiet li saru fil-Brażil ftit tax-xhur ilu, fi Munich, il-Ministru Borg kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin il-ġdid Mauro Viera. Matul din il-laqgħa ġie diskuss il-ftuħ tal-Ambaxxata Maltija fil-Brażil matul l-2022 bħala l-ewwel rappreżentanza diplomatika fl-Amerika t’Isfel u kif Malta qed tħares ’il quddiem li tkompli tespandi din il-ħidma.

 

Flimkien mad-Deputat Prim Ministru tas-Serbja Ivica Dačić u l-Ministru għall-Integrazzjoni Ewropea Tanja Miščević kienu diskussi r-relazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi anke mill-lenti Ewropea filwaqt li kienu diskussi l-impenji tas-Serbi għall-EXPO2027. Il-Ministru Borg kellu wkoll l-opportunità biex jawgura lill-Petr Pavel kull suċċess hekk kif għadu kemm ġie elett bħala President tar-Repubblika Ċeka.

 

Matul din il-konferenza, il-Ministru Borg kellu laqgħa wkoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Dymtro Kuleb, fejn ġew diskussi l-aħħar preparamenti għad-dibattitu li se jkun qed isir matul il-ġimgħa d-dieħla, organizzat mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda f’għeluq l-ewwel sena minn meta l-Federazzjoni Russa bdiet l-aggressjoni tagħha fuq l-Ukrajna.

 

Matul dan il-perjodu, Dr Borg kellu diskussjonijiet ukoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Awstrija Alexander Schallenberg u l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Karoline Edstadler, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tar-Rumanija Bogdan Aurescu, tal-Pakistan Bilawal Bhutto Zardari, tal-Italja Antonio Tajani, ta’ Spanja José Manuel Albares Bueno u tal-Olanda Wopke Hoekstra. Il-Ministru Ian Borg kellu laqgħa wkoll mal-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Belarus Sviatlana Tsikhanouskaya.​


Minister Ian Borg participates in the Munich Security Conference