Matul il-jum
tat-Tlieta, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian
Borg mexxa l-avveniment prinċipali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill
tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Id-dibattitu kien jittratta s-suġġett li
Malta għażlet li tpoġġi ’l quddiem għall-attenzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà
għar-rigward l-implikazzjonijiet u l-effetti fuq is-sigurtà u l-paċi ta’
gżejjer żgħar bħal Malta minħabba ż-żieda li d-dinja qed tesperjenza fil-livell
tal-ilma baħar.
Fid-diskors
tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal li minkejja li oriġinarjament il-Kunsill
tas-Sigurtà nħoloq minħabba numru ta’ kunflitti li kienu jeżistu, u l-bżonn li
terġa’ tirrenja l-paċi, ix-xjenza wriet li d-dinja qed tiffaċċja sfidi ġodda
globali li ma jistgħux ma jkunux indirizzati, fost oħrajn it-tibdil fil-klima.
Il-Ministru
Borg qal li t-tibdil fil-klima llum huwa r-realtà li qed jiffaċċja kulħadd ta’
kuljum, b’mod partikolari l-gżejjer stati żgħar u reġjuni kostali. “Malta
kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja li ressqet din l-isfida quddiem in-Nazzjonijiet
Magħquda numru ta’ snin ilu, u llum żammejna l-istess impenn biex naraw li din
il-materja tkun parti essenzjali bid-diskussjoni internazzjonali”, kompla jgħid
Dr Borg.
Il-ministru
għall-affarijiet barranin Malti sostna li d-dibattitu li Malta qed tmexxi ’l
quddiem huwa wieħed sinifikanti għall-fatt li qed ikun hemm rikonoxximent
tal-implikazzjonijiet u l-effetti fuq s-sigurtà u l-paċi ta’ gżejjer bħal Malta
minħabba ż-żieda li d-dinja qed tesperjenza fil-livell tal-ilma tal-baħar. Huwa
kompla jgħid li ftit tas-snin oħra, hemm il-possibbiltà qawwija li numru ta’
pajjiżi jispiċċaw taħt l-ilma u din hija theddida serja għall-paċi u
għas-sigurtà tal-popli rispettivi.
“Kif Malta
kienet pijuniera meta mexxiet ’il quddiem il-Konvenzjoni tal-Liġijiet tal-Baħar
tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNCLOS) numru ta’ snin ilu, Malta trid tkompli tkun
vuċi soda għal dawn il-pajjiżi u l-popli tagħhom li qed jiġu affaċċjati b’din
it-theddida globali”, saħaq il-Ministru Borg. Huwa sostna li dan id-dibattitu
huwa opportunità unika sabiex il-pajjiżi jisimgħu mingħand xulxin l-aqwa
prattiċi li qed jużaw biex il-pajjiżi jkunu jistgħu jitgħallmu minn xulxin u
jiġġieldu din it-theddida flimkien.
Għal dan id-dibattitu
attendew fost l-oħrajn is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda António Guterres u l-President
tal-Assemblea Ġenerali Csaba Korosi
