Fi Brussell, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri attendew għall-Kunsill tal-Affarijiet Barranin konġunt. Dan il-kunsill sar fl-ewwel anniversarju mill-adozzjoni tal-Istrategic Compass u ġiet diskussa l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-għoti ta’ aktar assistenza lill-Ukrajna biex tiddefendi l-integrità territorjali u s-sovranità tagħha.
Fl-intervent tiegħu fil-kunsill, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg qal li l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna tikser il-prinċipji tal-liġi internazzjonali u għalhekk ma tistax tiġi injorata. Il-Ministru Borg tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli tappoġġa lill-Ukrajna fi ħdan l-obbligi kostituzzjonali tagħha, billi tipprovdi għajnuna umanitarja li tissodisfa l-bżonnijiet tal-Ukrajna iżda mhux fejn jidħlu armamenti.
Il-Ministru Borg appella wkoll lill-UE biex tadotta approċċ komplet u inklussiv għas-sigurtà u għad-difiża, b’mod partikolari billi tindirizza l-isfidi tas-sigurtà fil-Viċinat tan-Nofsinhar, li jekk ma jkunx ikkontrollat, jista’ jkun ta’ theddida għas-sigurtà għall-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li l-adozzjoni tal-Istrategic Compass matul is-sena li għaddiet sarrfet f’pass pożittiv fejn issa ntlaħaq ftehim fuq is-Civilian Compact. Dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huwa afferma mill-ġdid li Malta ser tibqa’ tagħti l-appoġġ tagħha lill-poplu Ukren, primarjament permezz ta’ provvisti umanitarji u prodotti oħrajn.
Intant, Malta ngħaqdet ma’ diversi stati membri f’inizjattiva mmexxija mill-European Defence Agency sabiex isir xiri konġunt ta’ diversi tipi ta’ munizzjon. Dan ser iservi biex, permezz ta’ din l-inizjattiva, Malta ser tgawdi minn economies of scale u minn sigurtà tal-provvista għar-riżorsi tal-Forzi Armati ta’ Malta.