Is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar bi żjara uffiċjali fil-Messiku
Navigate Up
Sign In

Is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar bi żjara uffiċjali fil-Messiku

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Ġun 09, 2022
 
Nhar it-Tlieta 7 ta’ Ġunju 2022, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, is-Sur Christopher Cutajar żar il-kapitali Messikana, il-Belt tal-Messiku. Din iż-żjara kienet kontinwazzjoni taż-żjara li l-Ministeru qed jagħmel fir-reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew.

Is-Sur Cutajar iltaqa’ mas-Sottosegretarja tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Messikana, l-Ambaxxatriċi Carmen Moreno. Din kienet l-ewwel laqgħa bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qafas tal-Ftehim fil-Prinċipju dwar konsultazzjonijiet politiċi li ġie ffirmat bejn iż-żewġ naħat f’Diċembru 2021. Matul din il-laqgħa, ġew diskussi modi ta’ kif jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, b’enfasi dwar l-aspett ekonomiku u l-kummerċ. Is-Sur Cutajar saħaq dwar l-importanza li jiġu finalizzati ftehimiet bilaterali pendenti sabiex ir-relazzjonijiet ikunu jistgħu jkomplu jissaħħu.

Fir-rigward tal-aħħar żviluppi internazzjonali, inkluż l-kriżi tal-ikel u l-enerġija, il-kwistjonijiet reġjonali u kooperazzjoni fil-fora multilaterali ġew diskussi ukoll. Is-Sur Cutajar irrikonoxxa l-potenzjal tal-Messiku u tar-reġjun, u sostna li Malta ser tkompli tadvoka favur iż-żieda ta’ rabtiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Messiku. Fid-dawl tal-elezzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li se ssir nhar il-Ħamis li ġej, fejn Malta se tkun qed tikkontesta għal siġġu non-permanenti għas-snin 2023-2024, is-Sur Cutajar mexxa ‘il quddiem l-aġenda Maltija. Il-Kunsill ġie diskuss ukoll fid-dawl tas-siġġu li għandha l-Messiku bħalissa għall-perjodu 2021-2022.

Hekk kif il-ġimgħa li għaddiet Malta fetħet l-ambaxxata tagħha fil-Brażil, l-ewwel waħda fl-Amerika Latina,  is-Sur Cutajar tenna l-impenn ta’ Malta sabiex issaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ dan ir-reġjun, u sabiex isservi ta’ sħab attiv mal-Grupp ta’ pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew.

 MEXICO.jpg