Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ organizza Simpożju dwar in-Newtralità fid-9 ta’ Marzu 2023 b’kollaborazzjoni mal-Ministeri tal-Affarijiet Barranin tal-Awstrija, l-Irlanda u l-Isvizzera. Is- Simpożju kien intitolat Neutrality in Today’s Geopolitically Contested World. Uffiċjali għolja u akkademiċi mill-pajjiżi parteċipanti ħadu sehem f’żewġ diskussjonijiet tal-panel. Għal din l-attività attendew membri distinti tal-komunità diplomatika, uffiċjali tal-Gvern, prattikanti tad-difiża, akkademiċi u studenti tar-relazzjonijiet internazzjonali.
L-ewwel sessjoni kienet iddedikata għall-perspettivi dwar in-newtralità mill-pajjiżi parteċipanti fejn dawn enfasizzaw kif il-kuntest storiku u ġeopolitiku tagħhom irriżulta fl-implimentazzjoni tal-interpretazzjoni varji tagħhom skond il-politiki u l-implikazzjonijiet politiċi u militari tagħhom. It-tieni sessjoni ffokat fuq diskussjoni dwar l-evoluzzjoni u l-perspettivi futuri dwar in-newtralità fil-kuntest ġeopolitiku attwali.
Is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, is-Sur Christopher Cutajar, saħaq kif in-newtralità hija prinċipju ewlieni tal-politika barranija u ta’ sigurtà. Is-Sur Cutajar innota kif in-newtralità kif tinsab fil-kostituzzjoni hija minna nnifisha sejħa għall-insegwiment tal-paċi. Huwa sostna li Malta hija promotur tal-multilateraliżmu, u kontinwament issegwi l-arkittettura tas-sigurta’ fil-Mediterran u taħdem sabiex b’mod attiv ssib soluzzjonijiet għas-sigurta’ fir-reġjun.
Malta ser tkompli b’mod attiv tiddefendi l-valuri fundamentali tad-demokrazija, is-saltna tad-dritt u d-drittijiet umani.
In-newtralita’ ta’ Malta tipprovdi għall-interpretazzjoni u applikazzjoni dinamika tal-għanijiet barranin u ta’ sigurtà ta’ Malta u b’reazzjoni għal bidliet fil-kuntest ġeopolitiku u ambjent ta’ sigurtà li qed dejjem jevolvi, favur is-solidarjeta’ internazzjonali u l-paċi.
Il-kelliema saħqu li għalkemm imnebbħa minn realtajiet storiċi u kuntesti ġeopolitiċi differenti, n-newtralità tibqa’ strument validu u rilevanti biex titmexxa l-politika barranija u biex issegwi b’mod attiv il-paċi u s-sigurtà. In-newtralità toffri l-flessibbiltà meħtieġa ta' interpretazzjoni u implimentazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi ġeopolitiċi preżenti, kemm fi żmien ta’ paċi u anke f’dak ta’ kunflitt.