Matul il-jum tal-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju 2022, il-Ministru
għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg inawgura uffiċjalment
l-Ambaxxata tar-Repubblika ta’ Malta fil-Brażil, fil-belt kapitali ta’
Brasilia.
Fid-diskors tal-okkażjoni, li-Ministru Ian Borg sostna li
d-deċiżjoni tal-Gvern Malti biex tinfetaħ din l-ambaxxata huwa pass importanti
ħafna għall-politika barranija ta’ pajjiżna. Huwa qal li dan qed isir ukoll
anke wara li fl-istrateġija tal-politika Maltija għall-affarijiet barranin kien
speċifikat li Malta għandha tara li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali ma’
pajjiżi tal-Amerika Latina sabiex tesplora opportunitajiet ġodda politiċi u
anke ekonomiċi.
Il-Ministru Borg żied jgħid li din l-inawgurazzjoni
għandha sservi bħala punt tat-tluq sabiex Malta tespandi ħidmietha f’dan
ir-reġjun importanti.
Huwa rringrazzja lill-Ambaxxatur John Aquilina u
lid-Deputat Kap tal-Missjoni Steve Cachia tal-impenn u ta’ ħidmiethom sabiex dan
kollu seta’ jkun realtà.
L-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Brażil John Aquilina qal li
jħossu onorat li qed jingħata l-fiduċja sabiex ikun l-ewwel ambaxxatur Malti
fl-Amerika Latina u b’hekk iħoss li għandu responsabbiltà u obbligu li
b’ħidmietu jressaq lejn pajjiżna aktar opportunitajiet, b’mod speċjali dawk
relatati mal-kummerċ.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet
Barranin Christopher Cutajar spjega li l-ħidma fi ħdan il-ministeru sabiex
pajjiżna jkollu rappreżentanza aktar wiesgħa madwar id-dinja ilha għaddejja.
Huwa sejjaħ dan il-pass bħala wieħed strateġikament importanti u li se jkun qed
ikompli jiftaħ aktar bibien diplomatiċi. Is-Sur Cutajar elenka l-ħidma li
għaddejja fi sfond ta’ ambaxxati oħra madwar id-dinja.
Preżenti għal din
l-inawgurazzjoni kien hemm numru ta’ ambaxxaturi Ewropej oħra għall-Brażil u
uffiċjali għolja tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Brażil.