Direttur għas-Servizzi Konsulari u
Maltin Jgħixu Barra minn Malta
Is-Sur John Buttigieg
Assistant Direttur għas-Servizzi
Konsulari u Maltin Jgħixu Barra
minn Malta
Is-Sa Roberta Zahra
SERVIZZI KONSULARI
Għajnuna
konsulari ġenerali
Id-Direttorat għas-Servizzi Konsulari jista’
jitqies bħala l-vetrina tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Affarijiet
Ewropej u l-Kummerċ (MFET), peress li huwa ‘ntiż li jagħti
servizzi diretti lill-pubbliku. Bl-għajnuna ma taqta’ xejn tal-uffiċjali
diplomatiċi Maltin barra minn Malta, id-Direttorat jipprovdi firxa wiesgħa ta’
għajnuniet lil individwi Maltin. Dawn ivarjaw minn għajnuna għal assistenza
medika, għajnuna lil vittmi ta’ kriminalita’ u telf jew serq ta’ dokumenti
tas-safar, fost l-oħrajn.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn, id-Direttorat iservi
bħala punt ta’ kuntatt bejn l-individwu li jinsab barra u l-qraba tiegħu
f’Malta, billi jiffaċilità tranżazzjonijiet finanzjarji fejn meħtieġ, u
f’pajjiżi fejn Malta għandha rappreżentanza diplomatika, jiżgura li fejn hu
possibbli uffiċjali diplomatiċi Maltin iżuru w jgħinu lill-persuna
f’diffikulta’. Id-Direttorat jgħin ukoll fit-tfittxija għal ċittadini Maltin li
jkunu rrappurtati nieqsa barra minn Malta, jew jagħti tagħrif lill-qraba li
jsaqsu għal din l-informazzjoni. Kull talba għal informazzjoni tiġi trattata
b’mod kunfidenzjali.
Arrest
jew detenzjoni barra minn Malta
Kull meta ċittadin Malti jkun arrestat jew
tingħatalu sentenza minn qorti barranija, l-MFET ikun
il-punt ta’ komunikazzjoni bejn l-individwu taħt arrest u l-qraba tiegħu
f’Malta. Barra minnhekk, id-Direttorat jagħmel dak kollu possibbli
fil-kompetenza tiegħu biex jiżgura li ċ-ċittadin miżmum jew ikkundanat
b’sentenza ta’ ħabs mill-qorti jkollu aċċess għal rappreżentanza legali xierqa
f’lingwa li jista’ jifhem.
Emerġenza
jew sitwazzjoni ta’ kriżi
Kull meta pajjiż
jew reġjun ikun affetwat minn emerġenza jew sitwazzjoni ta’ kriżi, bħal
diżastru naturali jew attakk terroristiku, id-Direttorat iservi bħala punt ta’
kuntatt bejn ċittadini Maltin li setgħu inqabdu fil-kriżi u l-qraba tagħhom
f’Malta. F’każijiet bħal dawn, il-Ministeru jattiva ċ-Ċentru ta’ Kriżi,
mgħammar b’linji telefoniċi ta’ emerġenza biex jindirizza d-domanda
tal-pubbliku. Id-Direttorat iżomm komunikazzjoni regolari, permezz
tal-Ambaxxati, Kummissjonijiet Għolja u Konsulati, mal-awtoritajiet lokali fejn
tkun seħħet il-kriżi u mal-iStati membri tal-UE biex jiżgura li jkun aġġornat
bl-aħħar żviluppi uffiċjali dwar il-kriżi partikolari.
Applikazzjonijiet
għall-Viża u Pariri dwar is-Safar
Id-Direttorat
jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar rekwiżiti għal viża u proċeduri
għall-applikazzjoni għal viża lil ċittadini Maltin. Jingħata wkoll parir dwar
safar f’pajjiżi partikolari fejn ikun hemm sitwazzjonijiet politiċi instabbli
jew problemi oħra li jistgħu ikunu ta’ xkiel għal persuna li tkun beħsiebha
ssiefer fihom. Dawn il-pariri jiġu aġġornati regolarment u wieħed jista’
jsibhom fuq is-sit eletroniku tal-Ministeru.
Legalizzazzjonijiet
Id-Direttorat għandu taqsima ddedikata għal-legalizzazzjoni
ta’ firem fuq dokumenti pubbliċi fil-forma ta’ Apostilles jew
Legalizzazzjonijiet. Apostilles u
legalizzazzjonijiet huma awtorizzazzjonijiet ċertifikati ta’ dokumenti pubbliċi
jew kummerċjali li huma rikonoxxuti uffiċjalment kemm mill-pajjiż fejn jinħarġu
kif ukoll mill-pajjiż fejn se jintużaw.
Boroż
ta’ Studju
Il-Gvern Malti u l-gverninjiet ta’ pajjiżi barranin
joffru numru ta’ boroż ta’ studju għal ċittadini Maltin li jixtiequ jkomplu
l-istudji tagħhom barra minn Malta. Wara li ssir notifika uffiċjali dwar
il-borża ta’ studju offruta, id-Direttorat joħroġ ċirkulari uffiċjali, iqassam
u jirċievi applikazzjonijiet mill-partijiet interessati, u jikkoordina
l-intervisti, fejn hu applikabbli. It-taqsima responsabbli mill-boroż ta’
studju fid-Direttorat toffri wkoll gwida prattika għall-kandidati magħżula.
Ittri
Rogatorji
Kull proċess
legali li jinvolvi ġurisdizzjonijiet Maltin u barranin jeħtieġ l-assistenza
tad-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta,
li permezz tal-Ambaxxati u Konsulati barra minn Malta, iservi bħala punt
ewlieni ta’ kuntatt mal-awtoritajiet legali tal-pajjiż ikkonċernat.
Consul-on-the-Move
L-għan ewlieni
tal-programm Consul-on-the Move (COTM) huwa
li joffri numru ta’ servizzi konsulari li normalment jingħataw fl-Ambaxxati,
Kummissjonijiet Għolja u Konsulati Ġenerali Maltin lil hinn minn xtutna. Din
l-inizjattiva bdiet fl-2016 wara li fl-2008 kien imniedi l-passaport
bijometriku, fejn l-applikant issa jrid imur personalment fl-Ambaxxata biex
japplika għal passaport u titteħidlu l-informazzjoni bijometrika. Minbarra
applikazzjonijiet tal-passaporti, is-servizzi mogħtija permezz tal-Programm
COTM jinkludu applikazzjonijiet għal ċertifikati ta’ avvenimenti ewlenin
tal-ħajja u għaċ-ċittadinanza Maltija. Il-Programm jikkonforma mal-politika
tal-gvern li jqarreb is-servizzi tiegħu lejn iċ-ċittadin. Bħalissa
s-servizz huwa offrut f’ħames pajjiżi ewlenin fejn hemm jgħixu l-akbar numru
ta’ Maltin, jiġifieri: il-Kanada, l-iStati Uniti, ir-Renju Unit, l-Awstralja u
New Zealand.
Id-Direttorat
għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu
Barra minn Malta jikkoordina ż-żjarat annwali flimkien mal-Kummissjonijiet
Għolja u l-Ambaxxati fil-pajjiżi fejn jingħata dan is-servizz, kif ukoll jagħti
pariri dwar ħwejjeġ oħra relatati mal-programm biex ikun żgurat li s-servizz
mobbli offrut liċ-ċittadini Maltin li jgħixu barra jkun ta’ l-ogħla livell
possibbli.
Il-Kommunitajiet ta’ Maltin li jgħixu barra minn
Malta
Id-Direttorat
għandu taqsima ddedikata speċifikament għall-Komunitajiet ta’ Maltin li jgħixu
barra minn Malta. Din it-taqsima għandha l-għan ewlieni li tħares l-interessi
taċ-ċittadini Maltin li jgħixu ‘il barra minn xtutna.
Fost
il-ħidma li ssir fi ħdan din it-taqsima hemm:
- Il-ġbir
ta’ informazzjoni u pariri dwar policies relatati mad-dijaspora;
- Jinżamm kuntatt mas-sieħba soċjali kollha li
b’xi mod il-ħidma tagħhom taffetwa lill-Maltin li jgħixu barra minn
Malta;
- Jiġu analizzati b’mod regolari diversi leġislazzjonijiet lokali u Ewropej
li jistgħu jaffettwaw il-ħajja tal-Maltin li jgħixu barra minn
Malta;
- Konsultazzjoni,
għajnuna u pariri lill-Gvern Malti fuq materji li jolqtu
lid-Dijaspora Maltija;
- Jinżamm
kuntatt regolari u mill-qrib ma’ Missjonijiet
Diplomatiċi Maltin;
- Jinżamm
kuntatt regolari mas-Segretarju tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta;
liema Kunsill huwa stabbilit bl-ATT XX tal-2011(CAP. 515);
- Tara
li jkun hemm kontinwazzjoni u implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda
mill-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta;
- Tassisti lis-Segetarju
tal-Kunsill fit-tfassil u l-loġistika tal-laqgħat annwali tal-Kunsill għall-Maltin
li Jgħixu barra minn Malta li jsiru f’Malta,
kif ukoll ta’ laqgħat oħra li jistgħu isiru minn żmien għal żmien b’mod awdjo-viżiv;
- Tassisti
fil-ħidma biex issir il-Konvenzjoni tal-Maltin li jgħixu Barra
minn Malta;
- Iżżomm reġistru ta’
Għaqdiet mhux governattivi u Assoċjazzjonijiet tal-Maltin li Jgħixu Barra;
- Iżomm registru
tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta u li għamlu suċċess
fis-settur tagħhom.
- Tħaddem u tippromwovi s-servizz ta’ reġistrazzjoni volontarja għall-Maltin li jgħixu barra
minn Malta magħrufa bħala ‘Notifika D’.