Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbilta’ legali
Il-pariri dwar vjaġġar maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ huwa servizz ta’ gwida għall-pubbliku. Dan huwa ntiż sabiex jgħin liċ-ċittadini Maltin jieħdu deċiżjonijiet infurmati qabel isiefru barra l-pajjiż. Pariri dwar vjaġġar huma mogħtija kif inhuma, mingħajr garanzija espliċita jew impliċita li l-pariri dwar vjaġġar fuq dan is-sit elettroniku jkunu disponibbli l-ħin kollu jew f’kull ħin, u li t-tagħrif mogħti huwa komplut jew aġġornat f’kull ħin.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ma jiħux u ma jistax jieħu deċiżjonijiet għaċ-ċittadini Maltin dwar jekk, meta u kif għandhom jgħixu, jaħdmu, jew fejn jivvjaġġaw. Id-deċiżjoni biex tgħix, taħdem jew tivvjaġġa barra hija personali u għalhekk il-Ministeru mhu responsabbli għall-ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward. Iċ-ċittadini Maltin huma responsabbli għas-sigurta’ tagħhom infushom, partikolarment kull fejn hemm sitwazzjoni ta’ sigurta’ inċerta.
Kif iżżomm ruħek aġġornat bil-pariri dwar vjaġġar
Ċittadini Maltin jistgħu iżommu ruħhom aġġornati bil-pariri dwar vjaġġar billi jsegwu l-pariri dwar vjaġġar fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.
Malta Travel Point
Bil-ħsieb li jkun eqreb lejn iċ-ċittadini Maltin, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ nieda applikazzjoni fuq il-mowbajl bl-isem
Malta Travel Point. Din l-applikazzjoni, li tista’ titniżżel b’xejn mill-
App store jew
Google play għandha l-għan li tinforma ċittadini Maltin li jkunu msiefrin dwar x’għandhom jagħmlu f’każ li jsibu ruħhom f’diffikultà. Il-
Malta Travel Point hija sors siewi ta’ informazzjoni sempliċi u diretta, u hija aċċessibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Għaldaqstant, jekk xi ħadd isib ruħu f’diffikultà waqt li jkun imsiefer kull m’għandu jagħmel hu li jikkonsulta mat-tagħrif provdut u jagħmel kuntatt skont kif meħtieġ sew jekk għandu bżonn servizz ta’ emerġenza fi sptar jew aċċess għal għassa tal-pulizija fil-viċinanzi, kif ukoll jekk irid jagħmel kuntatt ma’ xi rappreżentanza Maltija barra minn xtutna. Bis-saħħa ta’ din l-applikazzjoni, individwi jistgħu jaċċessaw in-numri tat-telefown li jkollhom bżonn fil-ħin meta l-aktar jeħtieġuhom. Din l-applikazzjoni tagħmel parti mill-firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet tal-Gvern li jinsabu fil-
Maltapps.